IT-TQARBIN KIF BEDA?

Il-Mejda tal-Mulej ma' bdietx mill-aħħar ċena eżattament. Propjament l-ikla tal-Mulej bdiet bħala tifkira li Alla Jaħweħ istabilixxa mal-poplu tiegħu Lhudi wara li kien ħelishom mil-jasar ta' l-Eġittu. Meta Alla-YHWH kien wasal biex jeħles lill-poplu tiegħu minn taħt l-oppressjoni u l-iskjavitur ta' l-Eġizzjani, Alla bagħtilhom lil Mose u Aaron biex jikkmandaw lill-Fargħuni iħalli l-poplu t'Alla jitlaq mill-Eġittu biex iqimu lil Alla (Eżodu 3:12).

Wara ħafna twissijiet u anke wara ħafna kastigi fuq il-pajjiz kollu, il-Fargħun baqa jwebbes rasu u f'l-aħħarnet Alla ippermetta li jiġi fuqhom il-qerriedi (Ġwanni 10:10) u qatlilhom l-ewwel wild fl-art ta' l-Eġittu, kemm bnedmin u kemm ukoll fost il-bejjhem kollha. (Ara (Eżodu 5-12).

L-Ewwel ikla tal-Mulej narawha f'Eżodu 12 fejn Alla qallhom biex joqtlu ħaruf, kull familja, joqtluh u b'demmu jitgħattew biex jiġu protetti mil-qerried, billi jċapsu d-demm tal-ħaruf fuq il-koxxa u l-blata tal-bieb ta' darhom, (raprezentazzjoni simbolika u profetika ta' dak IL-ĦARUF t'Alla li jkun għad irid jifdina b'demmu - Ġesu: Ġwanni 1:29). "Id-demm ikun bħala sinjal tagħkom fuq id-djar fejn tkunu, u jien xħin nara d-demm nibqa' għaddej, u ebda marda ma tiġi teqridkom meta jien nidrob l-art ta' l-Eġittu. Dak il-jum ikun għalikom jum ta' tifkira, u intom tħarsuh bħala festa tal-Mulej; iżżommu din l-osservanza bħala liġi għaż-żminijiet kollha li ġejjin"... Eżodu 12: 13-14.

Infatti huwa propju din l-Ikla li naraw lil Kristu mad-dixxipli tiegħu kien qiegħed jiċċelebra; l-Ikla ta' L-Għid, (Għid ġejja mil-kelma 'Għadda') it-tifkira ta' meta Alla għadda minn fuq il-poplu tiegħu u għattih biex jipproteġġieh mill-Qerriedi permezz tad-demm tal-Ħaruf. L-ikla ta' l-Għid kienet ilha eluf ta' snin tiġi "ċċelebrata u Ġesu bħala Ludi kien imdorri li darba kull sena kien jiċċelebra l-ikla ta' L-Għid ma familtu u mad-dixxipli tiegħu. Issa l-ikla ta' L-Għid kienet ser issib il-qofol tagħha fi Kristu, l-Ħaruf t'Alla, li kien ġie biex jeħles lil poplu tiegħu minn taħt il-madmad u l-jasar tad-dnub u tax-xitan, biex jagħmilhom poplu "kkonsagrat u ddedikat għalih innifsu biex jagħtuh qima u tifħir kif jixraqlu. "Imma intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir ta' dak li sejjħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu ta' l-għaġeb" 1 Pietru 2:9. (Ara wkoll Apokalissi 1:4-5). "Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb, u tiftaħ is-sigilli tiegħu, u għax int kont maqtul, u b'demmek ksibt għal Alla bnedmin minn kull tribu u lsien, minn kull poplu u ġens, u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin..." Apokalissi 5:9-10.

L-Ikla tal-Mulej hija l-ikla ta' l-Għid. Ara: Mattew 26:17-29. Jekk naqraw vers 1, naraw ċar li din kienet iż-żmien tal-jum ta" l-Għid, jew inkella kif jissejjaħ bl-ingliż, "The Passover Supper". "Fl-ewwel jum ta' l-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesu u qalulu: "Fejn tridna nħejjulek l-ikla ta' l-Għid?". Luqa 22: 7-23. F'vers 7 naqraw, "U wasal jum ta' l-Ażżmi, il-jum li fih kien ikollhom jissagrifikaw il-ħaruf ta' l-Għid. Ġesu bagħat lil Pietru u "l Ġwanni u qalilhom: "Morru ħejjulna l-Ikla ta' l-Għid ħalli nieklu l-ħaruf" Għawnhekk nerġgħu naqraw l-istess ħaġa. Mark 14:12-25. F'vers 12 naqraw, " Fl-ewwel jum ta' L-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf ta' l-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu: "Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla ta' l-Għid?" Ġwanni 13:21-30. L-istess naraw fir-rakkont tal-vanġelu ta' Ġwanni. F'vers 1, jgħid, "Qabel il-festa ta' l-Għid kienu qiegħdin għall-ikel".

Hawnhekk naraw l-stess xenarju li rajna fil-vanġelju ta' Mattew, Mark u Luqa. Din kienet użanza li kienet issir kull sena mill-poplu Ludi, u anke għada ssir sa llum il-ġurnata fost il-poplu Lhudi u anke fost Kristjani madwar id-dinja, bħal Lhud li emmnu fil-Messijja Yeshua: Messianic Jews jew Jews for Jesus. Issa għal Kristjani, kemm dawk li kienu Lhud kif ukoll dawk li kienu pagani, ser naraw kif bl-istess mod ħa tkompli tiġi ċċelebrata, bid-differenza li ssib il-qofol tagħha fi Kristu. Rigward il-ħobż li jagħti l-ħajja ta' dejjem: Ġwanni kapitlu sitta huwa wkoll passaġġ li ħafna jużaw rigward it-tqarbin jew il-mejda tal-Mulej pero mhux eżattament tajjeb, u dan il-għaliex li "x-xenarju fejn Ġesu kien qiegħed jitkellem m'huwiex l-istess xenarju li naraw fil-passaġġi li ħarisna lejhom qabel dan il-passaġġ. Ix-xenarju tal-passaġġi ta' Mattew 27, Luqa 22, Mark 14 u Ġwanni 13 huma kollha it-tħejjijha għal-ikla ta' l-Għid li l-Lhud kienu jiċċelebraw ta' kull sena. Hawnekk tajjeb li niftakkru li Ġesu kien Lhudi (la kien Malti, la kien Amerikan, u lanqas ġej minn Ruma; la kien Kattoliku, la kien Protestant u lanqas ma kien Ortodoss, eċċ).

Jekk taqra sew bir-reqqa kapitlu sitta ta' Ġwanni, ix-xenarju m'għandu xejn x' jaqsam ma' l-aħħar ċena jew aħjar ma' l-ikla ta' l-Għid jew Tqarbin per se. Hawn Ġesu qiegħed infatti, ma' folla nies li kienu ilhom isegwuħ u waħda mill-fatturi il-għala segwewħ kienet li kienu qed jieklu ilkla b'xejn u kien qiegħed jimlilhom żaqqhom.(vs.26). Ġesu jgħidilhom biex ma' jitħabbtux għal dak l-ikel li jgħaddi, iżda għal iklel li jibqa għal ħajja ta' dejjem - etern. (vs. 27) Dan l-ikel huwa Ġesu nnifsu u niekluh billi nemmnu fih, u kull minn jemmen fih ikun qiegħed jieklu; għax bħal ma' l-ikel fiżiku jidhol ġewwa l-ġisem fiżiku hekk ukoll, kull min jemmen f'Ġesu jidħol ġewwa fih spiritwalment mhux iġifieri ġo zaqqu jew l-istonku, imma ġo ruhu u qalbu.(Ara Apokalissi 3:20) Għalhekk Ġesu qalilhom li l-ikel li kienu kielu fizikament fid-dezert, xorta mietu wara li kieluh, imma minn jiekol, iġifieri jemmen li Ġesu huwa l-Iben t'Alla li niezel mis-sema, ma' jmut qatt, imma jkollu l-ħajja ta' dejjem. (vs.33-35,41- 42, 47-51).

Ġesu tassew ta gismu sagrifiċċju għalina biex permezz tal-grieħi u l-iflaġellazzjoni tiegħu aħna niġu mfejqa (1 Pietru 2:24) u xerred veru demmu biex dnubietna jiġu maħfura u kompletament minsijja minn ħsibijiet Alla.(Lhud 10). Hawn hu l-qofol ta' kull ma jrid ifisser Ġesu, vers 63: "Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn, il-kliem li jiena għidilkom huwa spirtu u ħajja". Fi kliem ieħor, Ġesu qiegħed ifihem lid-dixxipli tiegħu li dak li kien qiegħed jgħid huwa kliem spiritwali li jrid jiġi mifhum spiritwalment mhux b'mod naturali u fiżiku. Nistgħu nigħidu hekk, li Ġesu qal, "Il-kliem li jien għidilkom huwa kliem spiritwali li jagħti ħajja spiritwali għal min jisma u jemmen". Infatti kieku mhux hekk, kieku Pietru ma kienx jgħidlu, "Mulej għand min immorru? Int biss għandek il-kliem tal-ħajja ta' dejjem". Pietru fehmu sew lil Ġesu, għax li kieku fehmu bħal ma bdew jifmuh il-qassisin u lhud l-oħrajn, kieku ir-risposta ta' Pietru kienet tkun, " Mulej għand min imorru? Int biss għandek il-ħobż li għandna bżonn li jista jtina l-ħajja ta' dejjem " U l-kelma t'Alla hija bla dubju ta' xejn dik li tagħti l-ħajja ta' dejjem. Wara kollox il-Mulej Ġesu u l-Kelma huma ħaġa waħda u mhux ta b'xejn Ġesu jgħidilna li, "l-bniedem ma " jgħix bil-ħobż u l-ilma biss, imma b'kull kelma li toħroġ minn fomm Alla" Mattew 4:4. (Ara wkoll Ġwanni 1:1,14, Ġakbu 1:18, 1Pietru 2:21-23...)

Aħna nafu li Ġesu huwa l-ħaruf t'Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.(Ġwanni 1:29) Bħal ma fit-Testment il-Qadim il-Lhud kienu joffru "l-ħaruf biex dnubhom jiġi mogħotti, Kristu L-Ħaruf t'Alla mhux biss jagħattilna dnubietna, imma ineħħiħ u jeradikaħ kompletament minn ħajjitna u minn quddiem għajnejn Alla Huwa propju għalhekk li l-Bibbja tgħidilna li issa Ġesu ġie "ssagrifikat darba għal dejjem u li b'mewt waħda tiegħu Hu isalva lil dawk kollha li jaċċetawħ f'ħajjithom. Ġesu m'għadux jiġi ssagrifikat kull darba li nitqarbnu bħal ma xi wħud, sfortunatament, b'mod żbaljat jaħsbu u jagħllmu. (Wara kollox, x'inhu l-iskop li Ġesu jibqa jiġi ssagrifikat kulljum eluf ta' drabi ġewwa diversi knejjes tad-tradizzjoni?) "Hu - Ġesu - daħal darba għal dejjem fis-Santwarja (tas-sema), mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u ta' l-għoġiela, imma bis-saħħa ta' demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem kemm aktar (mid-demm tal-mogħoż u tal-gniedes) id-demm ta' Kristu, li bl-Ispirtu ta' dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mil-għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj.

Għax Kristu ma daħalx f'santwarju magħmul b'idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir (taħt il-liġi ta' Mose/ t-testment il-qadim) jidħol kull sena fis-santwarju (magħmul minn idejn il-bniedem) biex joffri demm ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien ikollu ibati ħafna drabi sa mil-bidu tad-dinja (propju dak li qiegħdin jagħllmu u jipprattikaw xi wħud li suppost jissejħu Nsara: Ġesu, mingħalihom qiegħed jiġi "ssagrifikat ħafna drabi kulljum). Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi id-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu". Lhud 9:11-28. "Bis-saħħa ta' din ir-rieda aħna konna mqaddsin, permezz ta' l-offerta tal-ġisem ta' Ġesu Kristu magħmula DARBA GĦAL DEJJEM."

Kull qassis ieħor (taħt il-liġi ta' Mose, fit-testment il-qadim, kien ) imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu, u joffri u jerġa' joffri l-istess sagrifiċċju, bla ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet (imma jagħttuhom biss). Imma Kristu, wara li offra (lilu nnifsu) sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta' Alla

Għax Hu b"offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li Huwa jqaddes. Dan jixhdula l-Ispirtu s-Santu nnifsu, għax wara li qal: Dan hu l-patt li Jien għad nagħmel magħhom wara dawk il-jiem "Dnubiethom u htijiethom ma niftakarhomx iktar". Issa fejn hemm (twettqet u seħħet) il-maħfra tad-dnubiet, ma" hemmx għalfejn issir aktar l-offerta għad-dnubiet". Lhud 10:1-18. Kull Kristjan jista' jqarben u jitqarben: Rigward il-Kristjani ta' meta bdiet l-ewwel knisja, nistgħu naraw biċ-ċar li lkoll kemm huma kienu jitqarbnu u anke jqarbnu. "Għalhekk dawk li laqgħu tgħammdu u dak inhar ingħaqdu mad-dixxipli madwar tlitt elef ruħ. U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim ta' l-appostli u fl-għaqda ta' bejnithom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb U kulljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissibħu fl-ikel bi qlub ferħana w safja" Atti 2:41-42,46.

Dan ifisser li tlitt elef, mija u għoxrin (Atti 1:15) Kristjan kienu lkoll kemm huma, jaqraw il-Bibba (Testment il-Qadim għax it-Tesment kien għadu ma" nkitibx) u jisimgħu it-tagħlim ta' l-Appostli ta' Kristu (li dan it-tagħlim, issa sar għalina it-Tesment il-Ġdid); kienu lkoll kemm huma jitolbu; kienu lkoll kemm huma jfaħħru lil Mulej; kienu lkoll kemm huma jitgħammdu u kienu lkoll kemm huma jitqarbnu/jaqsmu l-ħobż b'tifkira ta' dak li Kristu kien għadda l-ewwel tnax, pero li baqgħu dejjem jgħadduh lil dawk kollha li kienu saru Kristjani, bħal ma għaddewlhom kull ħaġa oħra li kien għallimhom Ġesu. Id-dixxipli komplew jiżdiedu magħhom fin-numru.(Atti 3:47)

Huwa ċar li l-Kristjani li l-Bibbja titkellem fuqhom, kienu jitqarbnu, mhux biss l-ewwel ġurnata tal-Ġimgħa, jew f'jum biss is-Sibt (Sabbath) bħal ma jaħsbu xi wħud, imma anke kienu jitqarbnu kulljum. Ħaġ' oħra li nistgħu ninnotaw hija li l-Kristjani kienu kemm jitqarbnu u anke jqarbnu kollha kemm huma u kienu jitqarbnu anke fid-djar tagħhom, kif naf ħafna Kristjani madwar id-dinja jagħmlu, u hekk hu sew, għax din hjia l-Kelma t'Alla, u hija relazzjoni personali bejn l-individu u l-Mulej Sidu. Sfortunatament, jiddispjaċini ngħid, li t-tqarbin, matul iż-żminijiet , ġie użat u abbużat biex jiġi immanipulati u "kkontrollati popli sħaħ. Lil Kristjani ta' madwar id-dinja kollha:

Il-ktieb ta' l-Appostlu Pawlu lil Kristjani ta' Korintu ġie miktub bl-ispirazzjoni ta' l-Ispirtu s-Santu (2 Timotju 3:16-17). San Pawl indirizza lill-Kristjani kollha ġo fih, mhux lil xi klassi ta' xi titlu speċjali jew partikolari. Ma kitibx lil Evanġelisti jew lil Isqfijiet jew Presbiteri jew Ragħajja. Nota: (Qassisin ma' jeżistux fil-patt il-Ġdid: dan kien ministeru li kien biss dell taħt il-patt l-antik, li Ġesu wettqu kompletament u qatt ma' reġgħa bdiħ jew waqqfu bħala ministeru.(dan żball ieħor li xi wħud li jissejħu Kristjani jagħmlu, imma mhux tagħlim Bibbliku. Ara Lhud 10:1, Lhud 3:1-3, Lhud 9-10 kollu).

Il-Ministeri li Ġesu waqqaf fit-Testment il-Ġdid jissejħu: Profeti, Appostli, Evanġelisti, Rgħajja u Għalliema; ara Efesin 4:11, 1 Korintin 12:28-29, Atti 13;1 eċċ )

L-ittra lill-Korintin tibda hekk, "Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta' Kristu Ġesu, u sosteni ħuna, lill-knisja t'Alla li qiegħda f'Korintu; lil dawk li qaddsu fi Kristu Ġesu, imsejjħa biex ikunu qaddisin flimkien ma' dawk kollha li f'kull pajjiż isejjħu l-isem ta' Ġesu Kristu; is-Sid tagħhom u tagħna: grazzja u sliem minn għand Alla Missierna u l-Mulej Ġesu Kristu." 1 Korintin 1:1-3.

Mela huwa ċar li dak li ser jgħid huwa għal kull min hu kristjan. Għaliex dan huwa mportanti li tkun tafu? Għaliex din il-barka u privileġġ ġiet mogħtija lilek bħala wild ta' Alla fi Kristu Ġesu, u tħallix minn jisraqlek dan il-wirt. Jekk int ta' Kristu, emmint fih u twelidt mill-ġdid int għandek id-dritt sagru-sant li tipparteċipa fit-tqarbin u għandek id-dritt li titqarben ġewwa darek, waħdek u ma' ħutek fi Kristu fejn trid u kull meta trid.

L-ittra ta' l-appostlu Pawlu inkitbet għal kull Kristjan u dan l-appostlu jgħaddilna dak li ġie mgħoddi lilu stess, avolja ma kienx wieħed mit-tnax il appostli li Ġesu kien għażel. Għax huwa ċar li kullħadd, dawk li huma Kristjani, jistgħu jitqarbnu u iqarbnu.

Hija l-mejda tal-Mulej mhux il-mejda tal-Knisja Kattolika, jew Prtestanta jew Ortodossa jew ta' kwalinkwe denominazzjoni oħra li tipprova tużaħħa biex tbeżża u tikkontrolla l-massa biha. Jekk int temmen minn qalbek li Ġesu Huwa l-iben t'Alla u temmen li hu miet u qam mil-mewt għalikom mela li titqarben u tqarben huwa wirt u privileġġ tiegħek fi Kristu.

Jekk tixtieq tkun taf kif issir Kristjan tassew aqra dan l-artiklu:

http://www.nationsforchrist.org/nations/modules/smartsection/item.php?itemid=6 http://www.riveroflovemalta.org/modules/smartsection/item.php?itemid=10

Kif titlob fuq il-ħobż u l-kalċi tat-tqarbin?

Alla l-Missier ħabbna daqs kemm ħabb lil Ibnu Ġesu u jixxennaq li aħna nersqu lejh fit-talb, fil-qari tal-Bibbja imma wkoll fit-tqarbin. Hu kellimna ċar fil-Kelma tiegħu, kif għandna nitqarbnu b'mod li jigglorifika lil ismu. F'l-1 Korintin Pawlu l-appostlu jikteb li l-kalċi (it-tażża) tat-tqarbin li fiha jkun hemm il-frott ta' l-għenba, jiġi mbierek u kkonsagrak bil-Kelma t'Alla u bit-talb (Ara 1 Korintin 10: 16, 2 Timotju 4:4-5). Il-Kristjan l-ewwel ħaġa ma' għandu jagħmel huwa li jrodd ħajr jew ringrazzjament tal-providenza li Alla jagħti, b'mod speċjali għal ħobż u għal juice/frott tad-dielja.

Wara dan jiddikjara fuq l-elementi tal-ħobż u l-frott tad-dielja "Il-Kelma' u jitlob il-barka f"isem Ġesu Kristu. Mela l-ħobż u l-frott tad-dielja jiġi ikkonsagrat billi:

1. Bir-radd il-ħajr u ringrazzjament;

2. Bid-dikjarazzjoni tal-Kelma t'Alla;

3. U bit-talb f'isem Ġesu Kristu, il-ħobż u l-frott tad-dielja issa saru kkonsagrati.

Żomm f'moħħok li l-kelma "kkonsagrat' tfisser, "imwarrab' għal użu tal-Mulej. Tfisser ukoll imbierek. Ikkonsagrat ma' tfissirx li issa dak il-ħobż u frott tad-dielja sar litteralment il-Persuna ta' Ġesu. Dak tagħlim li mhux fil-Bibbja u li ġie mħallat bit-tradizzjonijiet maż-żminijiet. "Consecrated' b'l-ingliż tfisser "set apart and made holy'. Infatti aħna nafu, li post jista kun ikkonsagrat; l-ikel li nieklu għandu jkun ikkonsagrat; bniedem li jkun iddedika ruħu għal ministeru tal-vanġelju huwa ikkonsagrat imma dan żgur ma jkunx ifisser li sar Ġesu "nnifsu. Kull kristjan huwa kkonsagrat.

Jekk int Kristjan int ikkonsagrat għax Kristu jgħix ġewwa fik imma nerġa nsostni, dan ma jfissirx li issa int sirt Kristu Ġesu u nibda nadurak, jew għax għandek lil Kristu jgħix ġewwa fik, issa nidba nqimek u ninżel għarkuptejja quddiemek!!??!!! Din tkun ereżijja, u anke meta ninżlu naduraw il-ħobż tat-tqarbin u nibdew nadurawh bħala Ġesu nkunu qiegħdin nagħmlu l-ħmerijiet u l-ereżijiet li żgur ma' tara l-ebda dixxiplu jew appostlu jagħmel (jew jinkoraġġi lil oħrajn biex jagħmel, imma sfortunatament f'xi knejjes li "tbiegħdu mil-fidi Bibblika, din hija xi ħaġa ta' kulljum.)

Sfortnuatament il-ħobż imbierek tat-tqarbin, għal xi wħud sar ukoll idolu. Kemm iddbeddna mit-tagħlim ta' Ġesu!!! (Ara 1 Timotju 3, 4 u 2 Timotju 4). Xi wħud, jaħasra, lanqas biss qiegħdin jintebħu li dak li qiegħdin jagħmlu huwa biss xi ħaġa li ġiet mit-tradizzjoni li mhi xejn ibbażata fuq il-Bibbja, li la naraw lil Ġesu jagħllimna u lanqas lil ebda appostlu jew dixxiplu jagħllmu jew jagħmlu! (Aqra sewwa Kolossin 2:8). Il-verita tal-Kelma hi li jekk int ma' għandekx diġa lil Kristu fik lanqas biss tista titqarben, mhux bil-kontra kif xi wħud jaħsbu jew jagħllmu, li tmur titqarben biex tirċievi lil Ġesu fik...u jekk tassew hekk...meta jerġa joħroġ??? (1Korintin 6:19-20, Kolossin 1:26-28) Għalhekk ħafna jaqgħu fl-ereżijiet u jipprattikaw il-ħmerijiet.

Dan mhux Kristjaneżmu. Dan huwa reliġjon ippastarrdjat mat-tradiżżjonijiet u l-paganiżmu. Kun denju biex titqarben Waqt li kullħadd jista jitqarben u anke jqarben, iġifieri, kull min hu tassew Kristjan - ta' Kristu, għandna wkoll inżommu f'moħħna li din hija xi ħaġa qaddisa u li kull Kristjan għandu jonora (mhux jadura). Qis il-mejda tal-Mulej bħala xi ħaġa qaddisa, għax hekk hi. Il-Bibbja twissina li kull min jersaq biex jitqarben, sew jekk ġewwa komunita, fellowship, ma' familtek jew waħdek mal-Mulej, hemm bżonn li tagħmel riflesjoni tajba ta' qalbek u ta' fejn int fil-mixja tiegħek ma' Kristu. (Ara 1 Korinti 11: 27-34). "Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, mbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi" 1Korintin 11:28. Is-sabiħ hu, li l-Mejda tal-Mulej hija wkoll meqjusa bħala "l-Mejda tar-Rikonċiljazzjoni' jew ukoll "Il-Mejda tal-Ħbieberija".

Dan ifisser li minflok toqgħod il-bogħod milli titqarben u tibqa fid-dnub, għandek tirrealizza li Ġesu tant iħobbok li hu jixxennaq biex jixxierek u jitħabbeb miegħek ħafna iktar milli tixtieq inti stess. (Ara 2 Korintin 5:17-21) Hu jridek tiftakar x'għamel għalik fuq is-salib, u kemm bagħta għalik u kemm ċarċar demmu għalik. Jekk tant ħabbek meta kont għadek l-għadu tiegħu (Rumani 5:8), kemm iħobbok iktar issa li int tiegħu, avolja forsi ħallejt xi dnub ikissirlek ix-xirka miegħu? (Luqa 15)

Mela ersaq lejn Ġesu, il-maħbub u s-Salvatur tiegħek u itolbu jaħfirlek u immedjatament Hu inaddfek minn kull dnub u ħtija. "Jekk nistqarru dnubietna, Hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen".(1 Ġwanni 1:9) Ftakar, Hu fidil u ġust mhux aħna. Nersqu lejh għax Hu tajjeb mhux aħna tajbin! Minn issa l-quddiem itolbu jgħinek itik is-saħħa biex tgħix għalih, pero tibqax waħdek.

Mur ixxierek ma ħutek il-Kristjani x'imkien u kompli ikber fil-Mulej. It-talba tal-konsagrazzjoni fuq il-Ħobż u l-Kalċi: Jekk tixtieq tibda minn issa aqbad biċċa ħobż (jekk jista jkun mingħajr ħmira, bħal per eżempju pitta bread jew ħobż ażżmu) u ferra ftit grape-juice/ frott ta' l-għenba ġo tazza. Jekk trid, tista' ddoq xi musika (mhux bilfors ) ta' adorazzjoni u qima (worship music) biex iddaħħlek naqra f'attmosfera intima mal-Mulej. Aħseb fuq l-imħabba ta' Ġesu u dak kollu li għamel għalik fuq is-salib; ftakar kif ġisem Ġesu ġie flaġellat u mkisser u ftakar kif demmu innoċenti iċċarċar għalik. Jekk hemm xi nuqqas f'ħajtek ta' xi dnub bħal rabja, nuqqas ta' maħfra lejn xi ħadd li weġġek - aħfrilhom, jew xi dagħa li ħallejt joħroġ minn fommok jew kliem ieħor li stajt nikkit lil Ispirtu s-Santu eċċ itlob lil Missier jaħfirlek, u indem minn qalbek, u Hu jaħfirlek żgur.

Emmen!

It-talba hija "bbażata fuq 2 Timotju 4:4-5, 1 Korintin 10:16 u 1 Korintin 11: 23-26.

Itlob xi ħaġa hekk: Għażiż Missier niġi quddiemek f'isem Ġesu Kristu. Nibda billi nirringrazzjak talli dejjem tipprovdili dak kollu li għandi bżonn fil-ħajja tiegħi. Nirringrazzjak talli providentli dan il-ħobż u kalċi, u b'mod speċjali nirringrazzjak talli pprovdejtli din l-opportunita tant għażiża għalija u ħafna iktar għalik, li nkun nistgħa nieħu sehem fil-mejda tal-Mulej. Nirringrazzjak li Inti dejjem taħfirli kull darba li jien nitolbok u nindem minn dnubieti issa stess. Bierek dan il-ħobż u qaddsu permezz tal-Kelma Mqaddsa tiegħek u dan it-talb li jien qiegħed noffrilek fl-isem glorjuż ta' Ġesu Kristu. Hekk kif Kristu qallilna biex nagħmlu li fil-lejl li fih kien ittradut, qal, " Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b'tifkira tiegħi" Grazzi Mulej Ġesu talli ġismek ġie maħqur u msallab għalija fuq is-Salib biex permezz tal-ġrieħi tiegħek jien inkun imfejjaq/imfejjqha. Wara li tiekol il-ħobż li jippreżenta, spiritwalment, il-ġisem ta' Ġesu, ħu l-kalċi.

Itlob xi ħaġa hekk: Missier Etern, grazzi talli tajnti lil Ġesu biex ixerred demmu għalija ħalli dnubieti kollha jkunu maħfura. Wara li kiel Ġesu ħa l-kalċi u qal, "Dan il-kalċi hu il-patt il-ġdid b'demmi, għamlu dan b'tifkira tiegħi". Grazzi Ġesu li b'demmek inti ħallastli bis-sħiħ għad-dnubiet tiegħi kollha. Nemmen li int mitt darba għal dejjem fuq is-salib u permezz tat-tbatijiet tiegħek u d-demm li int xerridt għalija, jien ġejt maħfur minnn dnubieti kollha. Illum inqimek O Mulej, u b'din it-tqarbina niftakar li int tassew batejt, mitt għalija u erġajt irxoxtajt, u dan nibqa nxandru sa kemm terġa tiġi għal poplu tiegħek li int qaddist bid-demm qaddis tiegħek.

Jekk għadek m'intix parti minn Xirka/Komunita jew Fellowship, nistidnuk tinaqgħad magħna kull nhar ta' Erba u Sibt fis-7pm, ġewwa River of Love-Christian Fellowship.

Ġib Bibbja miegħek.

"Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kull ma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skond il-ħtieġa ta' kull wieħed. U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja"

Atti 2: 44-46

Address

River of Love Christian Fellowship, Gondolier, Tarxien Road, Għaxaq, GXQ 2902, Malta, (EU)

Phone

Mobile: +356 9923 9132
Phone: +356 2748 3748

E-mail

info@riveroflovemalta.org

Proclaiming A Living Christ To A Hurting World!

© Copyright 2025 - River Of Love Christian Fellowship - All Rights Reserved

We use cookies to give you the best experience. Read our cookie policy.