Meta wieħed jingħaqad ma' Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid. Kollox (il-ġdid) ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta' Kristu u tana l-ministeru ta' din il-ħbieberija tal-bnedmin ma' Alla (2 Korintin 5:17-18).

Innota tajjeb x'ġara meta aħna ingħaqadna ma Kristu:

1. Aħna sira letteralment ħolqien/ kreaturi ġodda. Kreaturi spiritwali ġodda.

2. Dak kollu li konna qabel fin-natura spiritwali tagħna, m'għadux hemm...għadda u spiċċa għal dejjem.

3. Minn issa daħal il-ġdid. Dak li issa ġej f'ħajjitna huwa kollu ġdid u tajjeb ( Ara Ġakbu 1:17).

4. Il-ġdid mhux gej mill-ġenituri naturali tagħna, imma ġej minn Alla nnifsu.

Wow! Kemm hija bxara sabiħa din. F'għajnejn Alla issa Hu m'għadux jarana l-istess bħal ma konna fil-passat. Jekk jien kont idolatru, adulteru, giddieb, omosesswali, inqassqas fuq in-nies, ħalliel eċċ...kont x'kont fil-passat, issa Alla m'għadux jarani hekk għax jien tbiddilt. Issa jarani minn lenti totalment ġdida għax issa jarani f'Ibnu Ġesu`. Issa jarani ġdid fi Kristu. L-identita tiegħi tbiddlet kompetament!

Ma tafux li l-inġusti ma jirtuhiex is-saltna ta' Alla? La titqarrqux! La żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu s-saltna ta' Alla! U minn dawn kienu xi wħud minnkom. Imma issa tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-isem ta' Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu ta' Alla tagħna (1 Korintin 6:9-11).

Biex Alla l-Missier ikun jista jkollu xirka totali u bla seperazzjoni minna, Hu għamilna fix-xbiegħa tiegħu nnifsu, bin-natura tiegħu stess, biex hekk aħna qatt iktar ma nkunu l-bogħod minnu u mill-imħabba tiegħu.

Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f'ismu, li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda (twieldu) minn Alla (Ġwanni 1:12-13).

Mbierek Alla u Missier Sidna Ġesu` Kristu, li berikna b'kull xorta ta' barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu. Hekk Hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta' Ġesu` Kristu; hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu, għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu. Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet, skond l-għana tal-grazzja tiegħu (Efesin 1:3-6) u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew (Efesin 4:24).

Ejja narawha bl-ingliż: And put on the new self, which in the likeness of God has been created in righteousness and holiness of the truth (Ephesians 4:24.NAS).

Bis-saħħa ta' dawn huwa tana l-egħżeż u l-akbar ġid li kien wegħedna, biex bih - wara li tkunu ħlistu mit-taħsir li hawn fid-dinja ħtija tal-ġibdiet ħżiena - tissieħbu fin-natura ta' Alla (2 Pietru 1:4).

U bl-ingliż tgħidilna hekk: For by these He has granted to us His precious and magnificent promises, in order that by them you might become partakers of the divine nature, having escaped the corruption that is in the world by lust (2 Peter 1:3-4.NAS).

Għażiż ħabib induna li int, fit-twelid mill-ġdid, Alla mhux raqqa dak li kont qabel fil-ħażin, iżda warrab dak kollu li kont (kemm tajjeb u ħażin) u għamlek persuna ġdida. Għamlek persuna bin-natura divina tiegħu biex int issa tkun tista tgawdi l-wirt li Hu ħejja għalik, fi Kristu Ġesu`. Infatti inti sirt persuna ġdida wkoll għax Alla jigħdilna li issa mhux talli ħafirlek dnibietek, imma ħassru kompletament, daqs li kieku qatt ma kien jezisti.

Ejjew narawha din. Ħafrilna dnubietna kollha. Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obligi li kien hemm kontrina, neħħieħ minn-nofs u sammru mas-salib (Kolossin 2:14).

Għalhekk dan ifisser li issa aħna nidhru quddiem Alla ġusti u bla dnub u bla tebgħa u għalhekk fl-identita u natura ġdida m'għadniex midinbin imma sirna qaddisin fi Kristu, jew inkella imqaddsa fi Kristu. U minn dawn kienu xi wħud minnkom. Imma issa tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-isem ta' Sidna Ġesu` Kristu u fl-Ispirtu ta' Alla tagħna (1 Korintin 6:11).

Fittex fil-Bibbja b'mod speċjali fl-ittri ta' Efesin, Filippin, Kolossin u Rumani fejn il-Kelma t'Alla tgħid kliem bħal "fi Kristu', "ma Kristu', "ta' Kristu', "permezz Tiegħu' eċċ. Ukoll naraw ta' spiss li kemm San Pawl, u San Pietru jindirizzaw l-iitri tagħhom lill-Kristjani kollha bħala lill-qaddisin fi Kristu. (Qaddisin ma tfissirx li issa għandna xi raġġiera madwar rasna, jew insiru qaddisin wara xi mitt sena meta niġu rrikonoxxuti minn xi istituzzjoni partikolari.)

Rumani 1:7: "Lil dawk kollha li huma Ruma, il-maħbubin t'Alla, imsejħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u slim minn għand Alla Missierna, u Sidna Ġesu`` Kristu

Efesin 1:1: "Pawlu, appostlu ta' Ġesu` Kristu bir-rieda t'Alla, lill-qaddisin li huma f'Efesus, u lill-fidili fi Kristu Ġesu"

1 Korintin 1:1-3: "Pawlu, imsejjaħ biex ikun appostlu ta' Ġesu` Kristu permezz tar-rieda t'Alla, u Sostenes ħuna; Lill-knisja t'Alla li hemm f'Korintus, lil dawk li huma mqaddsa fi Kristu Ġesu``, imsejħin biex ikunu qaddisin, flimkien ma' dawk kollha li kullimkien isejħu l-isem ta' Ġesu`` Kristu, sew tagħhom u kemm tagħna: Grazzi lilkom u sliem, mingħand Alla Missierna, u mingħand Sidna Ġesu` Kristu

Mela għażiż ħabib induna li għalkemm int minn barra għadek tħossok listess, pero minn ġewwa int sirt kompletament u totalment ġdid għax int issa għandek identita ġdida; Identita ġdida fi Kristu. Infatti inti, għax int Kristjan, issa sirt it-tempju t'Alla u inti tissejjaħ it-tempju ta' l-Ispirt s-Santu. (Ara 1 Korintin 3:16, 1 Korintin 6; 19-20).

Issa nifhmu aħjar x'ried jgħid il-Mulej Ġesu` meta talab lil Missier u qal, “Jiena tajthom il-kelma tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma m'humiex tad-dinja, kif Jiena m'iniex tad-dinja, Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja imma li tħarishom mill-Ħazin. Huma m'humiex tad-dinja bħalma Jiena m'iniex tad-dinja.” (Ġwanni 17; 14-16).

Infatti kull min hu/hi Kristjan tassew sar parti mis-Saltna t'Alla u ħa identita` u natura ġdida fi Kristu. L'ebda bniedem Kristjan ma jissejjaħ midneb fit-Testment il-Ġdid. Kull min hu/hu fi Kristu u għandu lil Kristu Ġesu` bħala s-Sid u s-Salvatur tiegħu personali jissejjaħ qaddis/qaddisa jew Kristjan u jissejjaħ ukoll ġust jew kif tgħid bl-ingliż, righteous in Christ.

Skond l-Iskrittura fit-Testment il-Ġdid dak li jissejjaħ (sinner) midneb, huwa dak/dik il-persuna li m'għandiex lil Kristu f'ħajjitha u huwa/hija bla Alla kemm f'din id-dinja u wkoll f'ta' wara. Ara Rumani 3:7, Efesin 2:11-13, Ġakbu 5:20, 1 Pietru 4:18 eċċ.

Iddikjari b'fommok u minn qalbek din it-talba tal-fidi:

Grazzi Missier li Int għamiltni werriet fis-saltna tiegħek ma Kristu. Jien m'għadnix midneb imma sirt kreatura ġdida fi Kristu, iġġustifikat b'demmu għażiż. Id-dnubiet tiegħi kollha ġew maħfura u mħassra bid-demm għaziz ta' Sidi Ġesu` Kristu. Jien mwieled mill-ġdid permezz ta' l-Ispirtu s-Santu u jien bint/iben Alla fi Kristu. Jiena t-tempju ta l-Ispirtu s-Santu u l-Ispirtu t'Alla jgħix ġo fija. Il-ħajja tiegħi ta' qabel għaddiet għal kollox u għal dejjem. Issa għandi ħajja ġdida fi Kristu u jien illum ingawdi mil-barkiet u l-benefiċċji li Kristu għandu għalija.

Category: Articles - Tags: malti, maltese, gesu, salvazzjoni, salvation